Fis-6 ta’ Ottubru 2026, il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej iltaqa’ sabiex jiddiskuti l-impatt tar-reviżjoni tal-European Union Emissions Trading System (EU ETS) fuq Malta u s-settur kummerċjali.
Imnedija fl-2005, l-EU ETS hija sistema li tesiġi li dawk li jniġġsu jħallsu għall-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (GHG), bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġi ġġenerat dħul biex jiffinanzja t-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa. Fis-17 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet reviżjoni mmirata tal-EU ETS sabiex issaħħaħ il-kompetittività industrijali tal-Ewropa u tappoġġja l-ilħuq tal-mira klimatika tal-UE għall-2040.
Għal dan il-għan, il-Kumitat sema’ preżentazzjonijiet mill-Malta Business Bureau, mill-Malta Maritime Forum (MMF) u mill-Association of Tractor and Trailer Operators (ATTO) dwar ir-reviżjoni proposta tal-EU ETS u l-impatt tagħha fuq Malta. Is-sessjoni ffukat, fost l-oħrajn, fuq l-impatt tar-reviżjoni proposta fuq il-kompetittività ta’ Malta u fuq is-setturi marittimu, tat-trasport u tal-avjazzjoni, kif ukoll fuq l-isfidi u l-opportunitajiet partikolari li jistgħu jiffaċċjaw l-operaturi f’Malta.
Il-laqgħa kienet preseduta mill-President tal-Kumitat, John Grech. Għal-laqgħa attendew ukoll Chris Fearne, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Fleur Abela, Rebecca Buttigieg, Toni Bezzina, Beppe Fenech Adami, Beppe Galea u Julie Zahra. Attendew ukoll online l-Membri tal-Parlament Ewropew Thomas Bajada u Peter Agius.